Ġemellaġġi
Ġemellaġġ ma Millbrae
Fit-28 ta’ April 1996 Mosta u Millbrae issiġillaw ftehim li permezz tiegħu dawn saru ġemellati. Millbrae hija belt żgħira fl-Istat ta’ Kalifornja, fl-Amerika.
Tagħmel parti miż-żona ta' San Francisco u hawnhekk insibu l-akbar numru ta' emigranti li ġejjin mill-Mosta u d-dixxendenti tagħhom. Għalhekk waqt li Millbrae hija 'l bogħod ħafna mill-Mosta ġeografikament, jista' jingħad li huwa viċin ħafna minħabba r-rabta umana li teżisti bejn l-immigranti u l-qraba Mostin tagħhom li għadhom joqogħdu fil-Mosta. Fil-fatt id-distanza bejn bejnitom hija ta' 13,047 kilometru jew 8,109 mil.
Millbrae saret belt bid-dritt tal-Kunsill tal-Belt tagħha stess fil-15 ta' Jannar 1948. L-isem "Millbrae" huwa magħmul minn żewġ kelmiet, "Mitħna" li ġej mill-kunjom ta' waħda mill-familji li kellhom ħafna art f'din il-lokalità (il-familja Mills) u "brae", li ġej mill-vokabularju Skoċċiż li jfisser għoljiet imgerbien. Millbrae hija belt żgħira speċjalment meta mqabbla mal-ġar tagħha, San Francisco. Huwa meqjus li huwa post kwiet, xemxi u ambjent nadif peress li jinsab fin-nofs ta' ħdura, għelieqi u għoljiet.
Fil-50 anniversarju mit-twaqqif ta’ Millbrae, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ippreżenta lir-residenti ta’ Millbrae b’waħda mill-ġebel tar-Rotunda li ġiet sostitwita waqt ix-xogħol ta’ restawr. Dan ir-rigal illum jinstab quddiem il-Millbrae City Hall bi plakka li tfakkar l-avveniment. Fil-Mosta waħda mit-toroq ewlenin li twassal għall-belt hija bl-isem ta’ Vjal Millbrae bħala tifkira eterna ta’ din il-ġemellaġġ mal-belt Amerikana.
Ġemellaġġ ma Ragusa
Kien fl-2004 li, wara li saru diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mosta u l-Comune di Ragusa, belt ta’ importanza fi Sqallija, fl-1 ta’ Mejju 2004 ġie ffirmat ftehim ta’ ġemellaġġ.
Kien fl-istess jum li fiha Malta saret parti mill-Unjoni Ewropea li l-Kunsill Lokali tal-Mosta ssiġilla dan il-ġemellaġġ mal-Comune di Ragusa. Il-ftehim ffirmawh is-Sindku tal-Mosta s-Sur Joe De Martino u s-Sindku ta’ Ragusa Dott. Antonio Solarino. Din iċ-ċerimonja saret fil-Mosta.
Dan kien it-tieni ġemellaġġ li daħlet għalih il-Mosta. Ragusa, hi belt fin-naħa t’isfel ta’ Sqallija b’popolazzjoni ta’ madwar 70,000 ruħ. Hi l-kapitali tal-Provinċja ta’ Ragusa. Dan il-ġemellaġġ ħalla l-frott għax meta bdew il-proġetti tal-Unjoni Ewropea, il-Mosta daħlet fi sħubija ma’ Ragusa u ħadet żewġ proġetti taħt il-Programm Interreg IIIA Italja-Malta, wieħed kien CULTEXCHANGE u l-ieħor SMART. Fis-sena 2011, umbagħad, il-Mosta u Ragusa reġgħu ssieħbu u ħadmu proġett ieħor taħt il-Programm Italja-Malta, bl-isem ta’ ARCHAEOTUR li intemm f’Settembru 2013.