Dan huwa torri ta' żewġ sulari, rettangolari, bi storja interessanti. Fuq il-faċċata wieħed jista’ jara niċċa bl-istatwa ta’ San Mikiel l-Arkanġlu li tmur lura ħafna sekli. Id-daħla għal dan il-post kbir huwa permezz ta’ bieb forma ta’ arkata fuq in-naħa tal-kantuniera tal-proprjetà mgħaluqa b’ħajt. Fuq din il-proprjeta hemm ukoll katakombata żgħira min żmien il-bidu nisrani. Dan it-torri nnifishu jfakkarna fil-leġġenda tal-Għarusa tal-Mosta li ġiet maħtufa fil-jum tat-tieġ tagħha minn xagħri jew Torok u meħuda fil-magħluq. Jingħad li r-raġel futur tagħha, ivvjaġġa fil bogħod għat-tfittxija tal-maħbuba Marianna.
Palazz ta' Kaspru
Għalkemm jissejjaħ palazz, dan il-bini huwa aktar ta' dar fortifikata. Jmur lura għaż-żminijiet meta l-Mosta kienet taħt it-theddida kontinwa ta' attakki korsieri. Dan il-bini huwa strutturat b'tali mod li joffri mezz ta' difiża lis-sidien tiegħu u jagħti lin-nies tal-madwar xi tama ta' reżistenza, u kenn minn attakki ta' pirati. L-istil arkitettoniku huwa wieħed sempliċi, iżda b'saħħtu biżżejjed biex jiflaħ għal attakk. F’dawk il-ġranet ibsin din id-dar fortifikata probabbli kienet prominenti f’nofs il-kampanja miftuħ u kultant b’xi razzett l’hawn u l’hemm.
Il-Katakombi ta' Bistra, jmorru lura għas-seklu 4 WK, ġew skoperti fl-1871 u jinsabu fiż-żona magħrufa bħala Il-Besbiżija fuq ix-xifer ta' barra taż-żona tal-bini tal-Mosta. Il-kumpless tal-katakombi huwa pjuttost estensiv u huwa ffurmat minn numru kbir ta’ kmamar tad-dfin imħaffra mill-blat. Filwaqt li l-għan ewlieni tal-oqbra kien dak li jirċievu l-mejtin, matul is-snin il-popolazzjoni lokali għamlet użu minn dawn il-kavitajiet għal varjetà ta’ skopijiet oħra. Tassew, l-oqbra servew ukoll bħala pinen għaż-żamma ta’ l-annimali. Nies mill-viċinanza wkoll sabu kenn fihom matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan l-aħħar dawn il-katakombi għaddew minn xogħlijiet kbar ta’ preservazzjoni u restawr u issa huma miftuħa għall-pubbliku.
Il-biljetti għall-Katakombi Ta' Bistra jistgħu jinxtraw ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Mosta.